IL-LIGI KRIMINALI U S-SINISTRI STRADALI Flipbook PDF

SINISTRI STRADALI

2 downloads 114 Views 486KB Size

Recommend Stories


Porque. PDF Created with deskpdf PDF Writer - Trial ::
Porque tu hogar empieza desde adentro. www.avilainteriores.com PDF Created with deskPDF PDF Writer - Trial :: http://www.docudesk.com Avila Interi

EMPRESAS HEADHUNTERS CHILE PDF
Get Instant Access to eBook Empresas Headhunters Chile PDF at Our Huge Library EMPRESAS HEADHUNTERS CHILE PDF ==> Download: EMPRESAS HEADHUNTERS CHIL

Story Transcript

LIĠI KRIMINALI

IL-LIĠI KRIMINALI u S-SINISTRI STRADALI

Robert Musumeci

LIĠI KRIMINALI

Kontenut 1 2 3 4 5 6 7 8

Introduzzjoni Definizzjoni ta’ vettura Dwar l-obligi tas-sewwieqa Dwar l-użu tar-roti Dwar min għandu d-dritta Dwar speed Dwar l-obligi tal-pedestrians Dwar kif sewwieq jista’ jiskolpa ruħu mill-ħtija 9 Dwar imputazzjonijiet u provi 10 Konklużjoni

LIĠI KRIMINALI

Bijografija

Dr Robert Musumeci kiseb PhD fil-liġi mill-Universita ta’ Malta wara li, fl-2016, huwa rebaħ il-‘Best Doctor of Laws Thesis Award 2016’ għall- publikazzjoni 'The Development Planning Act 2016 - A critical Appraisal'. Dr Musumeci kiseb ukoll Master of Science in Conservation Technology for Masonry Buildings lura fl-2004 mill- istess Universita’ ta’ Malta wara li ggradwa bħala perit fis-sena 1997. Dr Musumeci serva bħala ċermen talKunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal- Bini (BICC) bejn is-snin 1998 u 2008. Eventwalment huwa serva bħala konsulent tal-gvern Malti fejn kien strumentali fir-riformi wara ddemerger tal- Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l- Ippjanar, it-twaqqif ta’ l- Awtorita’ ta’ l- Artijiet, l-emendi kostituzzjonali li jippermettu siġġijiet addizzjonali għas-sess sotto-rappreżentat l-introduzzjoni ta’ liġi ġdida li tirregola l-aġenti tal-proprjeta’ immobli kif ukoll il-liġi li waqqfet l-Awtorita’ tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Dr Musumeci huwa l-awtur talktieb ‘Selected Principles of Maltese Planning Law.’(Kite 2021) Dr Musumeci huwa senior lecturer fi ħdan il-Fakulta’ tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta u jgħallem il-liġi tal-ippjanar u lliġi amministrattiva. Dr Musumeci huwa l-ewwel detentur ta’ warrant biex jipparattika bħala avukat u warrant biex jipprattika bħala perit.

LIĠI KRIMINALI

1

Introduzzjoni

Din il-kontribuzzjoni tħares lejn fejn għandha tintefa’ l-ħtija kriminali f’każijiet ta’ fejn inċidenti stradali jinvolvu żewġ vetturi jew aktar, jew inkella vettura/i u pedestrian/s. Bħala punt ta’ tluq, tajjeb ma jintilifx di vista li l-inċidenti stradali m’humiex attribwiti limitatament għal sewqan bla ħsieb jew nuqqas ta’ tħaris tal-liġijiet u rregolamenti tat-traffiku iżda anke għall-imġieba tal-pedestrian. Huwa minnu li meta niġu għas-sewwieq, jinsab ritenut li sewqan jista’ jkun ‘(i) negligenti, jew (ii) bla kont jew (iii) perikoluz’ u kif jidhru wara xulxin huma fl-iskala tas-serjeta` tagħhom.1 B’sewqan negliġenti jew traskurat nifhmu nuqqas ta’ prudenza ordinarja li wieħed għandu jadopera biex jevita s-sinistri stradali.2 Infatti, dwar ‘negligence’, il-Qrati Ingliżi rritenew illi ‘it is negligence to make an error of judgment that a reasonably prudent driver would not make’.3 Mill-banda l-oħra, biex jintegra ruħu, r-reat ta’ sewqan bla kont u, jew perikoluz, hemm bżonn ta’ ċertu grad ta’ ‘recklessness’ li ġiet definita mill-Qrati Maltin bħala ‘wilfully shutting one’s eye’.4 Possibiliment, waħda mill-aktar sentenzi artikolati dwar din it-tematika hija dik fl-ismijiet Il-Pulizija vs Alfred Mifsud5 fejn intqal hekk: “Sewqan traskurat (negligent driving) hu kwalsiasi forma ta’ sewqan li jiddipartixxi minn, jew li ma jilħaqx il-livell ta’ sewqan mistenni minn sewwieq raġonevoli, prudenti, kompetenti u ta’ esperjenza. Bħala regola, il-ksur tar-regolamenti tat-traffiku kif ukoll in-non-osservanza Il-Pulizija vs Hardingham, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 19 ta’ Ottubru 1963. Il-Pulizija vs Antonio Spiteri, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 10 ta’ Marzu 2005. 3 Simpson v Peat [1952] 2 QB 24. 4 Il-Pulizija vs Joseph Aquilina, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 20 ta’ April 1963. 5 Il-Pulizija vs Joseph Aquilina, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 6 ta’ Mejju 1997. 1 2

LIĠI KRIMINALI

tad-disposizzjonijiet tal-Highway Code li jinċidu fuq il-mod jew ilkwalità ta’ sewqan ta’ dak li jkun, jammonta wkoll għal sewqan traskurat. Sewqan bla kont hu deskritt fis-subartikolu (2) ta’ 1-imsemi artikolu 15 bħala sewqan “bi traskuragni kbira”. Din it-tieni ipotesi, jiġifieri ta’ sewqan bla kont, tikkontempla s-sitwazzjoni fejn il-grad ta’ traskuraġni tkun kbira u tinkludi 1-każijiet fejn wieħed deliberatament jieħu riskji fissewqan li m’għandux jieħu minħabba l-probabbilità ta’ ħsara li tista’ tirriżulta lil terzi, kif ukoll każijiet fejn wieħed ikun indifferenti għal tali riskji. Sewqan perikoluż (dangerous driving) jirrikjedi li fil-każ partikolari ssewqan kien ta’ perikolu għal terzi jew għall-proprjetà tagħhom. Biex wieħed jiddeċiedi jekk kienx hemm dana l-perikolu, wieħed irid jara ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi 1-ħin u l-lokalità ta’ l-inċident u l-presenza o meno ta’ traffiku ieħor jew ta’ nies għaddejjin bir-riġel. Naturalment, sewqan f’każ partikolari jista’ jaqa’ taħt tnejn jew aktar minn dawn it-tliet forom ta’ sewqan, f’liema każ japplikaw iddisposizzjonijiet tal-liġi u d-dottrina in materja ta’ konkors ta’ reati. Għall-finijiet ta’ piena l-leġislatur poġġa s-sewqan bla kont u ssewqan perikoluż fl-istess keffa.” Mill-banda l-oħra, f’Malta ma teżisti l-ebda liġi kriminali ad hoc li tirregola l-imġieba tal-pedestrian fit-triq, jew li timponi xi obbligu speċifiku li l-pedestrian mistenni li josserva. Jeżisti biss il-prinċipju ġenerali li kull min juża t-triq għandu d-drittijiet kif ukoll id-doveri u dan għandu juża l-kura meħtieġa biex ma joħloqx sitwazzjonijiet ta’ periklu jew emerġenza għall-utenti l-oħra tat-triq. Il-Qrati nostrani, f’każ illi ġara lura fl-1956 fl-ismijiet Police vs Aldrige6, kienu qalu hekk: “Although it is the duty of a driver of a motorcar to exercise at all times every care to avoid pedestrians, it is yes, incumbent on pedestrians to refrain from obstructing unduly the transit of vehicles.” Il-konsegwenza ta’ dan kollu hi li meta pedestrian jiġi mtajjar mit-triq ma hemm lebda preżunzjoni awtomatika kontra s-sewwieq.7

Mhux ippubblikat iżda kkwotat f’numru ta’ sentenzi, bħal 460/2010 Il-Pulizija vs Massimo Bonello, Qorti tal-Maġistrati (Ġudikatura Kriminali) 18 ta’ Diċembru 2013 7 Mary Bonello et vs Sylvia Fsadni, Qorti tal-Appell 11 ta’ Marzu 1998. 6

LIĠI KRIMINALI

2

Definizzjoni ta’ vettura

Fl-isfond ta’ dan kollu, għandha tkun ċara f’moħħ kulħadd id-definizzjoni ta’ ‘vettura’. L-Artikolu 2 tal-Ordinanza Dwar ir-Regolament tat-Traffiku, Kapitlu 65 talLiġijiet ta’ Malta, ifisser il-kelma ‘vettura’ bħala li tinkludi: “kull xorta ta’ karozza, karrozzin, karrettun miġbud minn bhima, karru, vettura bil-mutur, omnibus, bicycle, jew mezz ieħor ta’ trasport ta’ kull xorta jew għamla, maħsub għat-trasport je ġarr ta’ nies, kadavri jew ħwejjeġ.”

3

Dwar l-obligi tas-sewwieqa

L-obligi tas-sewwieqa jinsabu ravviżati f’diversi kodiċijiet u regolamenti nostrani u dan anke jekk b’kuntrast mal-fatt li, kif intqal aktar ‘il fuq, ma teżisti l-ebda liġi kriminali ad hoc li tirregola l-imġieba tal-pedestrian fit-triq. Bħala punt ta’ tluq, ikun utili billi nibdew biex naraw xi jgħid il-Kodiċi għat-Traffiku fit-Triq8 dwar x’għandu jagħmel sewwieq ta’ vettura kwantu għal kif għandu jirregola is-sewqan tiegħu. Fis-subinċiż 220 tal-Kodiċi għat-Traffiku fit-Triq intestat ‘Irregola s-sewqan tiegħek għat-tip u l-kondizzjoni tat-triq li tkun fiha’, insibu li, b’mod partikolari, is-sewwieq għandu: •

Iqis il-limitu ta’ veloċità bħala mira - ħafna drabi perikoluż u mhux xieraq li

ssuq sal-limitu tal-għola veloċità; •

8

Jikkunsidra l-kundizzjonijiet tat-triq u tat-traffiku;

Dipartiment tal-Informazzjoni, ‘Kodiċi Għat-Traffiku fit-Triq’ (Settembru 2001).

LIĠI KRIMINALI



Ikun lest għal sitwazzjonijiet mhux mistennija jew diffiċli, per eżempju li t-triq

tkun imblukkata wara kantuniera u għalhekk ikun lest biex jaġġusta l-veloċità tiegħu bħala prekawzjoni; u •

Fejn hemm triq tagħqad ma’ oħra, ikun lest għal xi vettura ħierġa.

Parir ġenerali fl-istess Kodiċi jesiġi li sewwieq ta’ vettura ma jistax: •

Isuq bl-addoċċ;



Isuq mingħajr ma joqgħod attent;



Isuq bla ma jaħseb f’ħaddieħor li jkun qed juża t-triq.

Meta niġu għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji f’kuntest, insibu numru ta’ sentenzi tal-Qrati fosthom dawn li ġejjin: Fis-sentenza tal-Appell Kriminali Pulizija vs Anthony Spiteri9 mogħtija fil-21 ta’ Mejju 1960 tista’ tgħid li l-Qorti ssintetizzat dawn il-premessi bil-mod kif ġej: “Driver ta’ karozza għandu innegabbilment, fost oħrajn, żewġ doveri: wieħed, dak li jżomm a proper lookout għall-vejikoli, pedestrians, u road-users oħra; l-ieħor, dak illi waqt is-sewqan hu jkun f’posizzjoni tali li jkollu f’kull ħin kontroll sewwa tal-vejikolu.” Fl-essenza tagħha, din is-sentenza ta’ Anthony Spiteri10 turina li, f’sede kriminali, kull sewwieq irid iwieġeb għall-aġir tiegħu indipendentement minn dak li jagħmel ħaddieħor. In poche parole, jekk il-pedestrian ikun negliġenti, dan ma jassolvix liddriver milli juża dak il-grad ta’ ‘reasonable care’ meħtieġ. Effettivament, dawn huma l-implikazzjonijiet li jinsoru mill-presuppost li d-driver irid jaċċerta li jkun il-ħin

9

Il-Pulizija vs Anthony Spiteri, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 21 ta’ Mejju 1960 Vol 44 D.iv.892. Ibid.

10

LIĠI KRIMINALI

kollu f’pożizzjoni ‘to see what is in plain view’11 u ‘jara dak li raġonevolment għandu jara inkella ma jkunx qed iżomm “a proper lookout”’.12 Huwa ritenut li sabiex tinżamm ‘proper lookout’, jinħtieġ ‘more than looking straight ahead’ u għalhekk ‘it includes awareness of what is happening in one's immediate vicinity’ b’dan illi ‘a motorist shall have a view of the whole road, from side to side, and in the case of a road passing through a built-up area, of the pavements on the side of the road as well’.13 Ma jistax għalhekk id-driver jeżonora ruħu sempliċiment għaliex il-pedestrian forsi ma esplorax sew it-triq qabel kompla jaqsam.14 Id-driver ‘għandu juża d-diliġenza kollha biex jevita pedestrian li jaqsam it-triq, anki jekk ilpedestrian li jaqsam negliġentement u għalhekk għandu jigi ritenut responsabbli jekk ikun naqas minn xi dmir tiegħu b' mod li jkun poġġa ruħu f' pożizzjoni li ma setax jevita l-investiment tal-pedestrian’.15 Id-driver irid għalhekk joqgħod attent li mhux biss jara li ma jsuqx bi speed eċċessiv imma ma jikkommetti ebda ‘error of judgment’ u cioè ma jassumix jew jikkalkula ħazin u jieħu riskju li driver prudenti jieħu, billi jagħmel xi manuvra inkonsulta fis-sewqan tiegħu.

4

Dwar l-użu tar-roti

Niġu issa għall-użu tar-roti. Kull ma jmur, l-użu tar-roti qed jiġi mħaddan bħala mezz ta’ trasport sostenibbli favur ambjent ahjar u s-saħħa tal-bniedem.16 Detto cio, l-użu tar-roti huwa daqstant regolat taħt il-liġi Maltija għaliex, kif rajna, l-Artikolu 2 tal-Ordinanza Dwar ir-Regolament tat-Traffiku, Kapitlu 65 tal-Liġijiet ta’ Malta, ifisser il-kelma ‘vettura’ bħala li tinkludi: “vettura bil-mutur, […] bicycle, jew mezz ieħor ta’ trasport ta’ kull xorta jew għamla, maħsub għat-trasport je ġarr ta’ nies, kadavri jew Il-Pulizija vs Joseph Vella, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 10 ta’ Awwissu 1963. Il-Pulizija vs J.M Laferla, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 17 ta’ Ġunju 1961. 13 Neuhaus, NO v Bastion Insurance Co Ltd [1968] SA 398 [405H-406A]. 14 Il-Pulizija vs Gaetano Schembri, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 16 ta’ Marzu 1961; Il-Pulizija v John Polidano, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 3 ta’ Novembru 1963. 15 Il-Pulizija vs Carmel Mifsud, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 26 ta’ Ġunju 1954. 16 . 11 12

LIĠI KRIMINALI

ħwejjeġ.” Il-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.26 intitolata Regolamenti Dwar Vetturi b’Qawwa Baxxa u Ċikletta bil-Pedali imbagħad tagħti d-definizzjoni ta’ biċikletta bħala: “”ċikletta bil-pedali” tfisser vettura b’żewġ roti jew bi tliet roti li tinsaq unikament bil-qawwa tal-bniedem permezz tal-pedali.” L-Artikolu 10 tal-imsemmija regolamenti jipprovdi illi: “Ħadd ma għandu jsuq ċikletta bil-pedali li taħdem ukoll bl-għajnuna ta’ mutur, kompriża pedelec li l-mutur tal-elettriku tagħha jipproduċi aktar minn 250 watts, fi triq jekk ma jkunx liebes elmu ta’ biċikletta magħmul minn materjal li jirreżisti daqqiet, u li għandu jintlibes sew f’ras is-sewwieq.” Dwar il-ħarsien tar-regolament tat-traffiku minn ċiklista, l-Artikolu 12 tal-istess leġislazzjoni sussidjarja jipprovdi s-segwenti: “Kull min isuq ċikletta bil-pedali jew li taħdem ukoll bl-għajnuna ta’ mutur, kompriża pedelec, fit-triq għandu josserva u joqgħod għarregolamenti kollha tat-traffiku.”

Anki l-Kodiċi tat-Traffiku fit-Triq jipprovdi Regoli għaċ-Ċiklisti li huma regoli fundamentali dwar l-użu tal-biċikletta. Per eżempju, l-Artikolu 55 tal-Kodiċi tatTraffiku fit-Triq jipprovdi illi ċ-ċiklisti għandhom dejjem jilbsu ‘elmu protettiv li jkun konformi mar-regolamenti li qegħdin fis-seħħ’ filwaqt li l-Artikolu 61 imbagħad jgħid illi ‘Inti għandek tobdi s-sinjali kollha tat-traffiku u s-sinjali tad-dawl kollha tattraffiku’.

5

Dwar min għandu d-dritta

Niġu issa għal min għandu ‘d-dritta’. Huwa fatt indiskuss li bosta mis-sinistri bejn vetturi jsibu l-għeruq f’manuvri mill-parti li tiddisturba l-korsa ordinarja tat-traffiku li jkun għaddej mit-triq prinċipali.

LIĠI KRIMINALI

Huwa kostantament ritenut li min ikun ħiereġ minn side-road, ossia triq meqjusa sekondarja, għal fuq triq prinċipali, għandu obbligu skont il-liġi illi jagħmel il-wisa’ u jagħti d-dritta lit-traffiku għaddej mit-triq prinċipali. Infatti, l-Artikolu 82 tar- Regolamenti Dwar Il-Vetturi Bil-Mutur17 jghid hekk: “Id-driver ta’ vettura li jkun ġej minn triq sekondarjagħal triq prinċipali għandu jħalli jgħaddi t-traffiku tat-triq prinċipali.” Molto più, l-Artikolu 76 tal-istess regolamenti jistabbilixxi hekk: “Triq prinċipali hi dik li t-traffiku kollu li jkun għaddej minnha jkollu ddritta għas-sewqan u t-traffiku fit-toroq kollha li jagħtu għaliha għandhom jagħmlu l-wisa’ lil dak tat-triq prinċipali iżda d-driver ta’ kull vettura sew fi triq prinċipali sew f’waħda sekondarja għandu joqgħod attent il-ħin kollu u għandu jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa f’kull kantuniera.” Fuq din it-tema, l-awtur Mazengarb, fil-ktieb Mazengarb's Law and Practice Relating to Actions for Negligence on the Highway,18 jgħid hekk: “At Common Law there is a well-recognised rule that traffic entering or crossing a main road must give way to traffic proceeding along the main road from another direction […]. It is important that the rule should be strictly observed and the right of way which it confers should not be allowed to be whittled away; drivers who have the rule in their favour, are entitled to expect that the rule will be observed by others.” Fil-ġurisprudenza nsibu hekk dwar l-obligi ta’ min ser jimmanuvra vettura minn triq sekondarja għal waħda prinċipali:

Regolamenti Dwar Il-Vetturi Bil-Mutur, S.L. 65.11. Oswald Mazengarb, Mazengarb's Law and Practice Relating to Actions for Negligence on the Highway (4th edn, Butterworth’s 1962) 326–327. 17 18

LIĠI KRIMINALI

Fis-sentenza fl-ismijiet Stagno Navarro vs Saliba et,19 il-Qorti sostniet li: “id-driver ta’ kull vettura sew fi triq prinċipali u sew f’waħda sekondarja għandu joqgħod attent il-ħin kollu u għandu jieħu lprekwazjonijiet meħtieġa f’kull kantuniera, huwa però fatt inkontesat li l-oneru tal-utent tat-triq laterali huwa aktar gravuż minn dak talutent prinċipali għaliex il-manuvra li jkun se jagħmel fiha nnifisha tiddisturba l-korsa ordinarju tat-traffiku li jkun għaddej mit-triq prinċipali.” Fis-sentenza fl-ismijiet Camilleri vs Demicoli,20 il-Qorti qalet illi: “Il-grad ta’ diliġenza, prudenza u attenzjoni li l-utent ta’ triq sekondarja obligat li jeżerċita huwa li jċedi għat-traffiku għaddej fittriq prinċipali li jesplora tajjeb it-triq u saħansitra jieqaf biex u sakemm jaċċerta ruħu li jista’ joħroġ bla ħsara.” Il-Qorti ta’ l-Appell Kriminali fis-sentenza Pulizija vs P. Borg et21 qalet li: “Għalkemm driver għandu joqgħod dejjem attent, sija jekk ikun fuq it-triq id-dritta, kemm ukoll jekk ikun sejjer jidħol fiha, huwa intuwittiv li d-driver li jkun sejjer jidħol fit-triq id-dritta minn triq oħra għandu obbligu aktar gravi minn dak tad-driver fuq it-triq id-dritta; u dana għas-sempliċi raġuni li hu jkun ser jaqsam l-“stream of traffic” li jkun hemm fuq it-triq id-dritta, mentri d-driver fuq it-triq id-dritta, ladarba ser ikompli sejjer għad-dritt , ma jkun ser ifixkel lil ħadd.” F’Hutchinson v Leslie,22 Lord President Clarke sostna s-segwenti: “Now entering one road from another is more difficult than coming straight along the same road; and for that reason the side road user must use more care” u “generally speaking, the duty of a driver whose course is calculated to disturb the ordinary stream of traffic on a road is of a higher grade.”

Ara sentenza fl-ismijiet Alfred Stagno Navarro vs Nicola Saliba et, Qorti tal-Appell 27 ta’ Novembru 1961 Vol XLV.i.389 20 Camilleri vs Demicoli, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 27 ta’ Lulju 1981. 21 Il-Pulizija vs P. Borg et, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) Vol XXXVI.iv.797. 22 Hutchinson v Leslie [1927] SC 95. 19

LIĠI KRIMINALI

6

Dwar speed

Bosta drabi, l-veloċità adoperata mis-sewwieq hija fattur ewlieni li tiddetermina jekk l-aġir tiegħu kienx wieħed bla kont jew perikoluz. L-Artikolu 272 tal-Kodiċi għat-Traffiku fit-Toroq jirregola l-veloċità u jipprovdi illi vetturi u muturi li jkunu qegħdin isuqu f’built up areas għandhom jivvjaġġaw bil50 kilometru fis-siegħa ‘unless otherwise indicated’. Dan ifisser illi sakemm f’żona mibnija ma jkunx hemm limitazzjoni speċifika għall-veloċità, il-veloċità massima permissibbli hija dik ta’ 50 kilometru fis-siegħa. Isegwi li l-veloċità eċċessiva għal dik regolamentari, jekk tirriżulta ppruvata, tesponi lis-sewwieq sija jekk dan ikun main road user u sija jekk ma jkunx, għal proċeduri kriminali kontra tiegħu għallvjolazzjoni ta' regolamenti tas-sewqan pertinenti anke jekk tali veloċità eċċessiva fiha nfisha ma tkunx fattur determinanti għar-responsabbilità għall-inċident jew kontributorju għalih. Taħt l-Artikolu 281 tal-istess kodiċi23 nsibu tabella li tagħti indikazzjoni tal-inqas distanza li vettura tieħu sabiex tieqaf. Id-distanza meħtieġa tvarja skont il-velocità li l-vettura tkun għaddejja biha.24 Dan ifisser li l-ispeed tal-vettura irid ikun f’limiti li

23

24

Kodiċi Għat-Traffiku fit-Triq (n 8).

LIĠI KRIMINALI

jippermetti lis-sewwieq iwaqqaf il-vettura tiegħu tempestivament f’ każ ta’ bżonn. Jinsab madankollu ritenut fil-ġurisprudenza li ‘speed jista’ jkun eċċessiv anki jekk ma jiskorrix il-limiti regolamentari għal dik illokalità iżda jiskorri dawk dettati millprudenza u mill-fatturi ambjentali tal-mument’.25

7

Dwar l-obligi tal-pedestrians

Kif jinsab impani aktar ‘il fuq, ma teżisti l-ebda liġI kriminali ad hoc li tirregola limġieba tal-pedestrian fit-triq, jew li impanii xi obbligu speċifiku li l-pedestrian mistenni li josserva. Jeżisti madankollu l-prinċipju ġenerali li kull min juża t-triq għandu d-drittijiet kif ukoll id-doveri u dan għandu juża l-kura meħtiega biex ma joħloqx sitwazzjonijiet ta’ periklu jew emerġenza għall-utenti l-oħra tat-triq. Il-Kodiċi għat-Traffiku fit-Triq26 jgħallimna illi meta niġu biex naqsmu triq, għandhom jiġu mħarsa s-segwenti regolamenti: “(i) Qabel taqsam, ieqaf qabel ma saqajk iħallu l-bankina, fejn int tkun tista' tara jekk ikun ġej xi ħadd. Tersaqx qrib ħafna tat-traffiku. Jekk m'hemmx bankina jew sidewalk żomm lura mit-tarf tat-triq iżda kun żgur li tista' tara t-traffiku li jkun ġej u li t-traffiku jkun jista' jara lilek; (ii) Ħares sewwa madwarek u isma'. Il-vetturi jistgħu jiġu minn kull direzzjoni. Isma' sewwa, għax kultant tista' tisma' t-traffiku qabel ma tarah; (iii) Jekk tkun ġejja xi vettura, ħalliha tgħaddi. Erġa' ħares madwarek u isma'. Taqsamx qabel ma jkun hemm qtugħ mingħajr periklu fit-traffiku u inti tkun żgur li hemm ħafna ħin. Ftakar, anke jekk vettura għadha 'l bogħod, tista' tkun riesqa b'veloċità kbira; (iv) Meta ma jkunx hemm periklu, aqsam dritt it-triq, tigrix, tmurx lagenba. Ibqa’ hares u issemma’ ghat-traffiku waqt li tkun qed taqsam, fil-kaz li jkun hemm xi traffiku li ma tkunx rajtu, jew fil-kaz li jitfaccja xi traffiku ghall-gharrieda; 25 26

Il-Pulizija vs Roger Bugeja, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 30 ta’ Ġunju 1962. Kodiċi Għat-Traffiku fit-Triq (n 8).

LIĠI KRIMINALI

(v) Jekk għandek taqsam it-triq minn bejn karozzi pparkjati, uża ttruf ta' barra tal-vetturi daqs li kieku kienu l-kurduna tal-bankina. Ieqaf hemm u kun żgur li tista' tara sewwa madwarek u li t-traffiku jista' jara lilek. Qatt m'għandek taqsam it-triq minn quddiem, jew minn wara, xi vettura bil-magna startjata, speċjalment vettura kbira, għax issewwieq ma jkunx jista' jarak; (vi) Tfal żgħar qatt m'għandhom jiġu fdati waħidhom la fuq ilbankini u l-anqas fit-triq.” L-Artikolu 17 tal-istess kodiċi iżid jgħid li: “Fejn ma jkunx hemm passaġġi jew bankini, jew fejn dawn ma jkunux biżżejjed, imxi fuq il-lemin tat-triq faċċata tat-traffiku. Għandek toqgħod ħafna attent u għandek timxi f'filliera waħda jekk it-triq hija dejqa jew m'hemmx dawl biżżejjed. Dejjem żomm qrib il-ġenb tat-triq. Jekk tkun ġej għal liwja f'daqqa għal-lemin aqsam it-triq minn kmieni biex hekk is-sewwieqa li jkunu ġejjin ikunu jistgħu jarawk. Aqsam lura hekk kif ma jkunx hemm periklu biex tagħmel dan. Fejn hemm ftit dawl, kun żgur li int liebes jew tkun qed iġġorr xi ħaġa ċara, u bil-lejl ilbes faxx jew strixxa li tleqq ma' driegħek, eċċ. Qatt m'għandek tilbes ilbies skur bil-lejl.”

8

Dwar kif sewwieq jista’ jiskolpa ruħu mill-ħtija

Meqjus dan kollu, ngħaddu issa biex naraw kif sewwieq jista’ jgħodd ruħu mhux ħati ta’ għemilu. L-ewwel ser naraw f’każ ta’ sinistri stradali li jinvolvu vetturi oħrajn u mbagħad nitkellmu dwar sinistri stradali li jinvolvu pedestrians. F’każ ta’ sinistri stradali li jinvolvu vetturi oħrajn, sabiex l-awtista jiskolpa ruħu, dan għandu jipprova li kien qed isuq kif suppost u li kellu kull dritt li jistenna li r-rule of the road, kif dettata mis-senjaletika li kien hemm fuq il-post, tiġi rispettata. Dan jattalja mal-prinċipju li ‘sabiex ikun hemm responsabbiltà għall-kolliżjoni, jeħtieġ li

LIĠI KRIMINALI

jkun hemm nexus fis-sens li l-vjolazzjoni tkun kawża prossima tal-kolliżżjoni’.27 Sitwazzjoni komuni fejn terzi jistgħu jpoġġu lis-sewwieq f’din il-qagħda hija meta ssewwieq ikun qed isuq kif suppost iżda jiġi sorpriż bis-sewqan ta’ vettura oħra u għalhekk ma setax jara sewwa dik il-vettura l-oħra u jiġġudika l-veloċità tagħha u d-distanza li fiha kienet biex jirreaġixxi tempestivament u jieħu ‘evasive action’. Mill-banda l-oħra, f’każ ta’ sinistri stradali li jinvolvu pedestrians, sabiex l-awtista jiskolpa ruħu, dan għandu juri li l-pedestrian, b'xi att inaspettat u subitaneu jew xort'oħra b'xi għemil tiegħu, ikun qiegħedu (lid-driver) f' pożizzjoni li anki bl-użu taddiliġenza meħtieġa ma setax assolutament jevita l-inċident.28

Fil-fatt, il-

ġurisprudenza tagħmilha ċara li ‘jekk il-pedestrian ikun qiegħed ruħu f'post fejn mhux suppost ikun, u driver li jkun qed isuq karozza b'mod regolari jsib ruħu f'pożizzjoni ta' emerġenza subitanea minnhabba fih, dak id-driver ma għandux jiġi ritenut ħati ta' sewqan perikoluż u tal-konsegwenzi li jista' jsofri dak il-pedestrian’.29 Eżempji ta’ atti inaspettati fejn pedestrian ipoġġi lis-sewwieq f’qagħda li anki blużu tad-diliġenza meħtieġa ma setax jevita jinkludu għalhekk meta l-imprudenza tal-pedestrian tkun ħolqot emerġenza subitanea imprevedibbli li rrendiet impossibbli, jew mhux raġjonevolment possibbli, azzjoni evażiva tempestiva. Dan jiġri solitament meta l-pedestrian jitfaċċa fit-triq għall-għarrieda u ma jkunx laħaq qasam parti sostanzjali mill-karreġġjata u b’hekk ma kienx ‘in plain view’ tassewwieq. In poche parole, il-pedestrian ikun ‘tfaċċa’ hekk kif l-awtista jkun wasal proprju miegħu u allura meta kien tard wisq biex l-istess awtista jkun jista’ jevita limpatt.

9

Dwar imputazzjonijiet u provi

Huma l-provi li jkunu nstabu transkritti fl-atti proċedurali li jgħoddu. In fine, il-Qorti trid teżamina l-provi bir-reqqa kollha u kollox għalhekk jiddependi mill-

Il-Pulizija v Nazzareno Micallef, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 3 ta’ Diċembru 1960. Il-Pulizija vs Carmel Mifsud, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 26 ta’ Ġunju 1954. 29 Il-Pulizija vs Alfred Caruana, Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) 14 ta’ Mejju 1955. 27 28

LIĠI KRIMINALI

apprezzament dwar il-provi magħmula mill-Qorti. Bħala parenteżi, tajjeb niftakru li l-imputazzjonijiet kriminali li jkunu ġew miktuba u ppreżentati quddiem il-Qorti mill-Pulizija Eżekuttiva jistgħu jiżdiedu jew jinbidlu purchè mhux aktar tard minn meta l-Prosekuzzjoni tkun iddikjarat il-provi tagħha magħluqa. In fin dei conti, però, huwa d-dmir tal-Prosekuzzjoni li tipprova l-każ tagħha skont kif profferit fl-imputazzjoni kontestata sal-grad ta’ konvinċiment morali u suffiċjenza probatorja lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni. Minn dan isegwi li l-valutazzjoni dwar jekk persuna tkunx ħatja jew le tiddependi fuq il-provi li jinġiebu quddiem il-Qorti u quddiem l-ebda post jew medium ieħor. Huwa għaldaqstant l-oneru tal-Prosekuzzjoni li tressaq l-aħjar provi sabiex tikkonvinċi lillQorti li l-akkużi addebitati lill-imputat huma veri. Meta niġu għax-xhieda, tajjeb jintqal li meta xhieda tibqa’ b’mod mhux kontrastata jew kontradetta u fl-atti ma jiġi rriskontrat xejn li tnaqqas mill-veraċità ta’ tali xhieda, din m’għandhiex tiġi skartata. Mill-banda l-oħra, mhux l-ewwel darba li l-Qorti tkun rinfaċċjata b’żewġ verzjonijiet konfliġġenti. B’daqshekk, pero, ma jfissirx li ‘conflicting evidence per se does not necessarily mean that whoever has to judge may not come to a conclusion of guilt’.30

Meta ġudikant ikun rinfaċċjat b’żewġ verżjonijiet konfliġġenti, hemm

żewġ toroq ovvji li jistgħu jittieħdu: jew dik fejn il-ġudikant ikun tal-fehma li l-każ talProsekuzzjoni ma jkunx ġie sodisfaċentement ippruvat, u allura l-Qorti tillibera, jew jekk ikun moralment konvint li l-verżjoni korretta hija waħda u mhux l-oħra, ilġudikant jimxi fuq dik il-verżjoni u jekk dik il-verżjoni tkun timporta l-ħtija tal-imputat jew akkużat, allura jiddikjara tali ħtija u jgħaddi għall-piena jew għal xi provvediment ieħor. Kwindi, f’sitwazzjoni fejn hemm kunflitt ta’ provi, irid isir eżerċizzju sabiex jiġi stabbilit liema hija l-aktar xhieda kredibbli u verosimili fiċċirkostanzi u dan a bażi tal-possibbiltà, inklużi il-provi indizzjarji li jridu jiġu eżaminati b’aktar attenzjoni sabiex ikun aċċertat li dawn huma univoċi, cioè mhux ambigwi 30

Il-Pulizija vs Graham Charles Ducker, Qorti tal-Maġistrati (Ġudikatura Kriminali) 1 ta’ Diċembru 2004.

LIĠI KRIMINALI

li jkunu bħall-katina li tintrabat minn tarf għal tarf, b’sensiela ta’ għoqiedi li jaqblu ma’ xulxin u li flimkien iwasslu fl-istess direzzjoni. Sabiex wieħed jasal sal-punt li jaċċetta verżjoni u mhux oħra, trid għalhekk issir tfittxija għal dawk il-fatti empiriċi jew oġġettivi, elementi ċirkostanzjali, u xhieda estranja li jikkorroboraw u jagħtu konfort lil verżjoni fuq oħra mingħajr ma jintilef di vista l-Artikolu 638(2) tal-Kapitolu 931

li jgħid li x-xhieda ta’ xhud wieħed biss, jekk emmnut minn min għandu

jiġġudika fuq il-fatt, hija biżżejjed biex tagħmel prova sħiħa u kompluta minn kollox, daqs kemm kieku l-fatt ġie ppruvat minn żewġ xhieda jew aktar.

10

Konklużjoni

Dan kollu magħdud, l-akbar uġigħ ta’ ras hija tal-ġudikant li jrid jiddeċiedi limputazzjonijiet li jinġiebu quddiemu. Fil-każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi jew aktar, l-eżitu tal-ġudizzju jiddependi bil-wisq mill-manuvrar tal-vetturi rispettivi u fejn jikkonċerna inosservanza tar-regolamenti tat-traffiku. Meta l-pedestrians ikunu involuti f’inċidenti stradali, il-ġudikant għandu uġigħ ta’ ras akbar għaliex dak li jrid jigi stabbilit huwa jekk il-pedestrian ikunx tfaċċa filkareġġjata qabel jew wara li l-vettura tkun ġja maqbuda fl-overall stopping distance. Jekk il-pedestrian ikun tfaċċa fil-kareġġjata wara li l-vettura tkun ġja maqbuda fl-overall stopping distance attinenti għall-veloċità li hija permessa, loneru m’għandu jintefa’ qatt fuq is-sewwieq.

31

Kodiċi Kriminali, Kapitlu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta.

LIĠI KRIMINALI

www.robertmusumeci.com

Get in touch

Social

© Copyright 2013 - 2024 MYDOKUMENT.COM - All rights reserved.